Navigate Up
Sign In

Jitħabbru 7 proġetti f'5 lokalitajiet b'kollaborazzjoni bejn il-Housing Development Fund tal-Awtorità tad-Djar, l-Aġenziji Komunitá Malta, u Residenza Malta

Reference Number: PR220252, Press Release Issue Date: Feb 22, 2022
 
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet f'Ħ'Attard, fejn ħabbru seba' proġetti ta' tisbiħ, tħaddir u żvilupp urban f'5 lokalitajiet f'Malta, li se jsiru permezz tal-intervent tal-Housing Development Fund, fond speċjali fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, bi flus mgħoddija mill-Aġenzija Komunità Malta u Residenza Malta.

Dawn il-proġetti li se jieħdu l-forma ta' xogħlijiet estensivi f'żewġ ġonna fil-Mosta, żewġ kumplessi sportivi fis-Siġġiewi, ir-rinovazzjoni u t-titjib ta' kumpless sportiv ewlieni f'Ħal Qormi, spazju aħdar ieħor fil-Kalkara, u ġnien f'Ħ'Attard, li se jsiru realtà permezz ta' investiment ta' aktar minn miljun ewro. Dawn il-proġetti jifformaw parti minn kullana usà ta' inizjattivi li qed jitfasslu mill-Housing Development Fund bl-għan li dan il-fond jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta' residenti li jgħixu f'żoni residenzjali urbani, kemm dawk viċin proġetti ta' akkommodazzjoni soċjali, kif ukoll f'ibliet u rħula oħra.

Il-Ministru Roderick Galdes sostna li “l-ibliet u rħula tagħna huma darna, daqs kemm huma darna il-proprjetà residenzjali tagħna. Din il-viżjoni mmotivatna li noħolqu l-Housing Development Fund, fond li diġà qed jagħti l-frott mixtieq għaliex illum qiegħdin inħabbru 7 proġetti bżonnjużi f'5 lokalitajiet madwar Malta".

Il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u s-Segretarjat Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet sejra tissarraf fi spazji ġodda jew mtejba ta' rikreazzjoni sportiva għal mijiet ta' żgħażagħ u atleti promettenti, kif ukoll spazji ħodor ġodda fil-qalba ta' ċentri urbani.

Il-Ministru Roderick Galdes tenna li “din il-viżjoni konġunta hija dik li wasslitna s'hawn, viżjoni li trid tara l-iżvilupp tal-pajjiż f'termini moderni, iżda żvilupp li jżid il-valur fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan jista' jsir biss jekk nieħdu bis-serjetà l-investiment fl-ambjent urban, u fit-tessut soċjali, ċiviku, kulturali u sportiv li huwa essenzjali biex jiffurmaw u jiġu sostnuti komunitajiet b'saħħithom fiż-żoni urbani tagħna".

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat stqarr li l-inizjattivi Maltin ta' ċittadinanza u residenza kienu sa ftit ilu kunċetti ġodda għal pajjiżna. “Illum, ħafna qed jiġu fuqna u jgħidulna li mnalla kienu fondi minn dawn l-inizjattivi, għax ħajjithom inbidlet bis-saħħa tagħhom. Illum, ħafna qed jifhmu li l-inizjattivi rigorużi immens ta' pajjiżna qed isarrfu f'ġid li qed jasal fil-komunità. Speċjalment f'mumenti ta' bżonn", żied jgħid Alex Muscat. “Li jkollok ruħ soċjali tfisser li toħloq il-ġid, li ma jibqax x'imkien magħluq f'kaxxa fejn ma tarah qatt, imma li jintuża biex ibiddel ħajjet in-nies għall-aħjar, kif inhu l-każ f'dawn il-proġetti ta' tisbiħ", ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari.
 
pr220252a.jpg 

pr220252b.jpg 

pr220252c.jpg