Navigate Up
Sign In

Titħabbar l-estensjoni tal-iskema ‘Equity Sharing’

Reference Number: PR220029, Press Release Issue Date: Jan 12, 2022
 
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay u mill-Kap Uffiċjal tal-Istrateġija tal-Bank APS Liana Debattista, indirizza konferenza tal-aħbarijiet li matulha tħabbret l-estensjoni tal-iskema ‘Equity Sharing’ għal individwi u għal koppji minn tletin (30) sena ’l fuq, hekk kif kien imħabbar fid-diskors tal-Budget 2022. 

L-estensjoni għall-iskema ‘Equity Sharing’, li ilha attiva mis-sena 2019, se tkompli tkabbar fuq is-suċċess li diġà kisbet din l-inizjattiva, li sa issa wittiet it-triq biex mijiet ta’ persuni jsiru sidien ta’ djarhom fi sħubija mal-gvern. Wara studju u riċerka intensiva tas-suq tal-proprjetà attwali, il-ministeru ddeċieda li jestendi l-applikabbiltà tal-iskema għal dawk li għandhom ’il fuq minn tletin (30) sena, hekk kif sal-lum din hi miftuħa biss għal min ikun għalaq erbgħin (40). 

Il-ministru sostna li, “Ir-rieda li naġixxu u nagħmlu differenza nebbħet idea. Fuq kollox dorna fuq l-imsieħba tagħna bħalma huwa l-bank APS, u sibna soluzzjoni fattibbli fis-suq. Għalhekk wara li ħassejna u fhimna, qegħdin għal darb’oħra naġixxu.  Kif tħabbar fil-budget għal din is-sena, qed nestendu l-iskema ‘Equity Sharing’ għal persuni li għandhom minn 30 sena ’l fuq. Dan se jkompli joffri għażla adekwata imma fuq kollox affordabbli lil aktar żgħażagħ u familji fostna li jonqoshom biss ftit għajnuna biex ikomplu jibnu l-futur tagħhom fl-istabbiltà.”

L-estensjoni tal-iskema ‘Equity Sharing’ se tgħin individwi u koppji ta’ età iżgħar biex jaċċessaw is-suq tal-proprjetà billi tippermettilhom li jakkwistaw proprjetà fi sħab mal-gvern. Dan billi l-benefiċjarji jiksbu self mill-bank sabiex ikopru s-sehem li jifilħu mill-proprjetà skont id-dħul u l-assi tagħhom, filwaqt li l-Awtorità tad-Djar tkopri l-parti l-oħra sa massimu ta’ nofs il-valur tal-proprjetà. 

Il-valur massimu tal-proprjetà li tista’ tinxtara permezz ta’ din l-iskema se jibqa’ ta’ €200,000 u l-benefiċjarji jkunu mistennija li jkopru d-depożitu ta’ 10% li jitħallas mal-iffirmar tal-konvenju.  

Koppji u individwi li għandhom bejn it-tletin (30) u l-erbgħa u tletin (34) sena se jkunu eliġibbli għall-iskema, kif estiża, jekk id-dħul annwali tagħhom ma jaqbiżx il-ħamsa u għoxrin elf ewro (€25,000), filwaqt li dawk bejn il-ħamsa u tletin (35) u d-disgħa u tletin (39) sena jistgħu japplikaw jekk għandhom dħul massimu ta’ mhux aktar minn tletin elf ewro (€30,000).   Sussegwentament, is-sehem tal-gvern jinxtara lura mingħand il-benefiċjarju/i tal-iskema, fi żmien għoxrin (20) sena. 

Il-Ministru Roderick Galdes iddeskriva l-inizjattiva bħala għodda importanti fil-qafas tal- housing affordabbli li qed tgħin lill-familji Maltin jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li kif is-sentejn li għaddew kienu mmarkati bir-riformi fil-qasam tal-kera u tal-akkomodazzjoni soċjali, din għandha tkun is-sena li fiha nindirizzaw l-isfida tal-affordabbiltà. L-iskema tal-‘Equity Sharing’ hekk kif qed tiġi estiża tkompli tibni fuq is-suċċess tal-istess skema li tnediet fl-2019. Żied jgħid li filwaqt li ħa jinżammu l-istess kundizzjonijiet, issa qed tinfetaħ għal faxxa ġdida fis-soċjetà. 

Il-bank ewlieni APS, li huwa l-imsieħeb esklussiv tal-gvern f’din l-iskema, kien rappreżentat mill-Kap Uffiċjal tal-Istrateġija Liana Debattista, li rrimarkat li hu ta’ pjaċir li APS Bank flimkien mal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u mal-Awtorità tad-Djar qed iħabbar l-introduzzjoni tal-Equity Sharing Scheme Plus, li tkompli tibni fuq is-suċċess tal-ewwel offerta li ġiet introdotta ftit ta’ snin ilu. 

Dan il-prodott jagħti l-opportunità lil dawk l-individwi jew koppji biex ikunu jistgħu jixtru l-proprjetà tagħhom. Din l-iskema qed tgħin lil dawk li ma jkunux eliġibbli għal akkomodazzjoni soċjali u issa ġiet estiża għal dawk li għandhom tletin sena ’l fuq. Bl-estensjoni tal-età se tiġi offruta din l-opportunità lil ħafna iktar individwi sabiex ikollhom bażi ta’ għajnuna u jkunu indipendenti.

pr220029a.jpg 

pr220029b.jpg 

pr220029c.jpg 

pr220029d.jpg 

pr220029e.jpg