Navigate Up
Sign In

213 żagħżugħ/żagħżugħa xtraw darhom permezz tal-Home Deposit Scheme

Reference Number: PR211696, Press Release Issue Date: Sep 17, 2021
 
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, waqt konferenza ġewwa t-Teatru tal-Università l-Antika, ta ħarsa ġenerali lejn il-Home Deposit Scheme, li f’sena wasslet sabiex 213-il żagħżugħ/żagħżugħa isiru sidien ta’ darhom, u għad hemm madwar 70 applikant li dalwaqt se jiffirmaw il-kuntratt finali. 

Din qed toffri għajnuna lill-first-time buyers li għandhom taħt l-40 sena li minkejja li huma eliġibbli għal self fuq id-djar, ma jkollhomx l-assi meħtieġa biex iħallsu d-depożitu ta’ 10% fuq il-konvenju. Dawn iż-żgħażagħ, li ħafna drabi ma jfaddlux għax ikunu għadhom qed jistudjaw, qed jiġu assistiti fil-ħlas tad-depożitu. L-ammont massimu ta’ flus li l-gvern qed joħroġ huwa dak ta’ €17,500, u dawk eliġibbli ma jħallsux interessi fuq dan is-self hekk kif dan jitħallas mill-gvern. 

Din l-iskema, flimkien mal-lista twila ta’ skemi oħra li ġew introdotti fis-settur tal-akkomodazzjoni, jaħsbu għall-bżonnijiet ta’ kulħadd u joffru soluzzjonijiet differenti għal kull faxxa tas-soċjetà. L-isfida tal-affordabbiltà hija realtà u ż-żgħażagħ first-time buyers kienu qed jaslu f’punt li jkunu kapaċi jissellfu mill-bank, iżda ma jkollhomx l-assi neċessarji biex jidħlu għas-self. B’dan is-self qed noffru għajnuna lil dawn l-individwi.

Il-Ministru Galdes stqarr li, “Il-Home Deposit Scheme hija tassew għal qalbi, hekk kif qed tagħti daqqa t’id lill-ġenerazzjoni futura tagħna. Bħala missier nixtieq li nara lil uliedi jieħdu l-istat tagħhom u ċertament dan is-sentiment naqsmu ma’ eluf ta’ ġenituri oħra. B’din l-iskema qed ngħinu lil dawn iż-żgħażagħ jitilgħu l-ewwel tarġa u jibdew triqithom.” 

Minn mindu daħlet fis-seħħ din l-iskema f’Ġunju tal-2020, sa issa, madwar 323 żagħżugħ/żagħżugħa, b’uħud minnhom koppji, applikaw biex isiru sidien ta’ darhom grazzi għas-self mingħajr interessi għall-ħlas tad-depożitu ta’ 10%, fejn is-self medju tad-depożitu kien dak ta’ €15,992.  

“Din hija wirja ta’ kemm il-gvern qed jaħseb fil-futur taż-żgħażagħ tagħna u kif bi ftit għajnuna dawn l-individwi qed jimxu ‘l quddiem u eventwalment qed jirnexxilhom jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom”, temm jgħid il-Ministru Galdes. 

Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay, li saħaq li, “L-Awtorità tad-Djar irċeviet 205 applikazzjonijiet fl-2020 u 118-il applikazzjoni fl-2021 għall-Home Deposit Scheme. Tajjeb li ninnutaw li iktar minn nofs (63%) tal-applikanti li bbenefikaw minn din l-iskema kienu taħt it-30 sena – xhieda ta’ kemm din l-iskema marret tajjeb maż-żgħażagħ. Il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Ħal Tarxien, San Pawl il-Baħar u Birkirkara kienu fost l-iktar lokalitajiet popolari fejn inxtraw proprjetajiet minn dawn iż-żgħażagħ benefiċjarji”. 

pr211696a.jpeg 

pr211696b.jpeg 

pr211696c.jpeg