Navigate Up
Sign In

Skema ġdida se tagħmilha possibbli li persuni bi kwistjonijiet mediċi, b’diżabilità jew li kellhom mard fil-passat jsiru sidien ta’ darhom

Reference Number: PR211595, Press Release Issue Date: Sep 01, 2021
 
Il-Prim Ministru Robert Abela nieda l-iskema New Hope Guarantee li se tkun qiegħda tagħti tama ġdida lil persuni b’kundizzjonijiet mediċi jew b’diżabilità, jew li kellhom xi mard fil-passat biex isiru sidien ta’ darhom.  

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru tenna li s-sodisfazzjon li pajjiżna beda jirkupra b’saħħa mill-effetti tal-ekonomija u li rreġistra tkabbir ekonomiku huwa realtà għaliex huwa b’dan il-mod li l-gvern jistà jkompli joħloq il-ġid u jifirxu mas-soċjetà sabiex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. 

“Dan hu pajjiż fejn kulħadd irid i​kollu l-opportunità li jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu u jibdel il-ħolm tiegħu f’realtà. Imxejna kemm imxejna ‘l quddiem, għad hemm sezzjonijiet tas-soċjetà li biex jaslu fejn jixtiequ jeħtieġu l-għajnuna tal-istat, u dak huwa obbligu tagħna li ma ninsewhomx. Hekk għamilna llum b’din l-iskema u hekk se nkomplu nagħmlu”, kompla Dr Abela.

Huwa qal ukoll li din l-iskema se toffri tama u dinjità lil kulħadd. 

“Din l-inizjattiva tixhed kif dan il-gvern ma jinjora r-realtajiet ta’ ħadd. Il-gvern ma setax ma jindirizzax is-sitwazzjoni ta’ persuni li meta kienu iżgħar kienu mardu, u li llum ilhom snin imfejqa u mxew ‘il quddiem f’ħajjithom – li rebħu l-marda li kellhom u għandhom impjieg stabbli iżda meta jiġu biex jixtru residenza jsibu diffikultà għaliex ma tinħarġilhomx il-life insurance. Sodisfatt li permezz ta’ din l-iskema, dawn in-nies ukoll se jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom”.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes li spjega li, “Dan il-gvern mhux se jħalli lil dawn il-persuni waħedhom. Bil-mudell li qed inħabbru llum se nkunu lqatna żewġ għasafar b’ġebla waħda hekk kif ħa nserħħu moħħ il-banek u se nkunu qed nagħtu d-dinjità tant mistħoqqa lil dawn l-individwi”.

Din l-iskema mhux se tkun polza tal-assikurazzjoni iżda se toffri alternattiva sigura lill-banek biex is-self ikun jista’ jingħata mingħajr riskju fuq il-qraba tal-benefiċjarju. Il-gvern, permezz tal-Awtorità tad-Djar, se jkun qed joffri garanzija li se tkopri self massimu ta’ €250,000 fuq proprjetà li se tintuża bħala residenza primarja. Din il-garanzija se tkun sostnuta minn back to back guarantee mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali li se tiggarantixxi €30,000,000 f’home loans.

Applikant li ma jirnexxilux jikseb polza għandu japplika għal din l-iskema mal-Awtorità tad-Djar. L-awtorità, flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, se tivverifika d-dokumenti u jsiru r-riċerki kollha meħtieġa. Se jinħareġ ċertifikat u ittra ta’ rakkomandazzjoni lill-bank u eventwalment tinħareġ garanzija fuq l-ammont misluf. 

Il-Ministru Galdes temm jgħid li,  “Fl-aħħar se nwaqqgħu dan il-ħajt. Kburi li bdejna diskussjoni fuq il-kwalità ta’ ħajja ta’ dawn ħutna li għaddew minn din it-trawma f’perjodu bikri. Ninsab kuntent ħafna li qed niftħu s-suq tal-proprjetà għal dawn il-persuni. Flimkien bħala gvern qed nagħtu tama ġdida u dinjità lil kulħadd.” 

Aktar informazzjoni: housingauthority.gov.mt​
 
pr211595a.jpeg 

pr211595b.jpg