Navigate Up
Sign In

54% tal-blokok tal-akkomodazzjoni soċjali tjiebu fi tliet snin

Reference Number: PR211440, Press Release Issue Date: Jul 30, 2021
 
Mill-2017 sal-lum il-ġurnata saru xogħlijiet ta' tisbiħ u ta' titjib fuq aktar minn 600 blokka fl-oqsma tal-akkomodazzjoni soċjali. Dan ifisser li mill-istokk eżistenti li jlaħħaq mal-1,117 blokka, sar xogħol li għamel differenza fuq 54% tal-istokk imxerred mal-pajjiż kollu.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt żjara fil-qasam residenzjali ta' Ħal Mula f'Ħaż-Żebbuġ, fejn ta rendikont tax-xogħlijiet ta' manutenzjoni u ta' titjib li saru fil-blokok tal-oqsma tad-djar imxerrdin ma' Malta u ma' Għawdex.

Il-Ministru Roderick Galdes tkellem dwar kif qed tinżamm il-wegħda li jiġu riġenerati l-blokok ta' akkomodazzjoni soċjali kollha. Fil-fatt, sal-aħħar ta' din is-sena se jkunu qed jitlestew it-tisbiħ u r-riġenerazzjoni tal-faċċati fuq 61 blokka oħra. Bl-iskema kollaborattiva mal-kunsilli lokali, se jsiru tisbiħ u titjib tal-partijiet komuni f'112 blokka oħra madwar Malta u Għawdex u bl-investiment b'saħħtu mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali u bl-iskema ta' installazzjoni ta' lifts sal-aħħar tas-sena 2022, se jkun hemm 158 blokka li se jkollhom lift installat.

Partijiet mill-istokk eżistenti tal-akkomodazzjoni soċjali ilu mibni mis-snin sebgħin. Minn meta tela' ċertu bini qatt ma ngħata l-manutenzjoni meħtieġa. Fi kliem il-Ministru Galdes, “Min ma ndukrax dan il-bini, ma ndukrax lill-familji li jgħixu fih".

Is-sistema ta' housing li qed nimplimentaw, tieħu ħsieb lin-nies u lill-familji, u tfittex li ttejjeb il-livell tal-għajxien tagħhom, qal il-ministru. “Hija sistema li qed infasslu u nwettqu id f'id mal-komunità. Għalhekk filwaqt li nġibu n-nies qabel il-ġebla, qegħdin verament insaħħu l-komunitajiet," ikkonkluda l-Ministru Roderick Galdes.

Dawn ix-xogħlijiet saru permezz tal-ħidma konġunta bejn il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Awtorità tad-Djar, SPM Ltd, Housing Maintenance and Embellishment Ltd kif ukoll bl-investiment miġjub mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. Bix-xogħlijiet li se jkunu ntemmu sa tmiem din is-sena, l-investiment tal-gvern mill-budget għall-housing se jkun laħħaq it-€12-il miljun. Dan minbarra li l-Awtorità tad-Djar kisbet fondi Ewropej għall-parti l-kbira tal-lifts li qed jiġu installati biex jagħmlu r-residenzi kollha aċċessibbli. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li qatt daqs illum ma kien hemm interventi differenti fil-binjiet eżistenti tal-Awtorità tad-Djar. Is-Sur McKay qal li kellna għażla bejn li nagħmlu l-minimu possibbli u li nieħdu ħsieb biss xogħlijiet strutturali relatati mal-integrità tal-binjiet jew li ninvestu f'binjiet isbaħ, aktar aċċessibbli u aħjar. Hu esprima sodisfazzjon għall-ħidma tal-Awtorità tad-Djar fl-aħħar xhur, li mhux biss rat li timplimenta b'suċċess riformi soċjali fost dawk fil-qasam tal-kera, iżda poġġiet ukoll bħala prijorità interventi f'aktar minn nofs il-binjiet ta' housing soċjali li ħafna minnhom inbnew ħamsin sena ilu jew aktar. Is-Sur McKay ikkonkluda li fix-xhur li ġejjin, id-doża ta' dawn ix-xogħlijiet ser tiżdied. Kien għalhekk li fil-ġimgħat li għaddew tnieda l-Housing Development Fund sabiex jintużaw sorsi differenti ta' fondi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja ta' min jgħix f'dawn il-binjiet u fil-madwar. ​
 
pr211440a.jpg 

pr211440b.jpg 

pr211440c.jpg