Navigate Up
Sign In

Mitt blokka oħra ta’ akkomodazzjoni soċjali se jitranġaw

Reference Number: PR211399, Press Release Issue Date: Jul 23, 2021
 
Il-manutenzjoni tal-blokok ta' akkomodazzjoni soċjali eżistenti kienet, għadha u tibqa' prijorità assoluta għall-gvern. It-tisbiħ u t-tiswijiet fil-partijiet komuni ta' dawn l-oqsma huma għodda essenzjali sabiex ir-residenti ta' dawn l-akwati jgawdu minn livell ta' għajxien xieraq f'ambjent miżmum tajjeb.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien Laparelli fil-Belt Valletta, fejn kienu preżenti wkoll numru ta' sindki ta' kunsilli lokali diversi li se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn din l-inizjattiva.

Għal diversi snin, l-akkomodazzjoni soċjali kienet tingħata lill-benefiċjarji mingħajr ħsieb ta' x'se jiġri wara u dan kien jimmanifesta ruħu l-aktar fin-nuqqas ta' manutenzjoni tal-binjiet. Għalhekk, fi kliem il-Ministru Galdes, kellha tinstab soluzzjoni flimkien mal-entitajiet li huma l-aktar qrib tal-komunitajiet fejn jgħixu dawn ir-residenti. L-entitajiet li kienu f'din il-qagħda ideali mhuma ħadd ħlief il-kunsilli lokali.

Permezz ta' din l-inizjattiva li qed issir għall-ħames sena konsekuttiva, l-Awtorità tad-Djar sejra toffri €600,000 f'għajnuniet finanzjarji li se jagħmlu tajjeb għat-tiswija u l-manutenzjoni ta' madwar mitt blokka mxerrdin f'sittax-il lokalità.

Dawn il-fondi se jwasslu biex jiġu rranġati blokok f'Raħal Ġdid, Ħaż-Żebbuġ, Santa Venera, sitt blokok f'Ħal Tarxien, l-Imsida, ir-Rabat, Santa Luċija, Ħal Kirkop, il-Marsa, il-Mosta, il-Furjana, Bormla, Birkirkara, il-Belt Valletta, l-Isla u San Ġwann.

Il-Ministru Galdes sostna li fil-qalba ta' miżuri bħal dawn ma hemmx il-binjiet, imma hemm in-nies. “Nemmen bis-sħiħ u nħossni fid-dmir li l-proprjetà pubblika tkun indukrata biex igawduha r-residenti tal-lum u tal-futur."

“Is-sabiħ ta' din l-iskema hija l-kollaborazzjoni, imma mhux biss – hija skema li tagħti sens ta' ownership għaliex ir-residenti tal-blokka jaħtru amministratur minn fosthom, u jkun dan l-amministratur li jressaq l-applikazzjoni għand il-kunsill lokali kkonċernat", temm jgħid il-Ministru Roderick Galdes.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera stqarr li l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali verament qed jagħmel id-differenza, u li s-suġġett tal-akkomodazzjoni soċjali huwa bla dubju wieħed mill-akbar sfidi li għandu pajjiżna, aktar u aktar wara l-pożizzjoni li ħadu l-qrati tagħna u tal-Ewropa f'dan ir-rigward.

“Hija deċiżjoni tajba u f'waqtha li f'din l-iskema l-Ministru Galdes għażel li jinvolvi direttament lill-kunsilli lokali. Din id-deċiżjoni hija wkoll parti mill-viżjoni tiegħi bħala ministru responsabbli mill-kunsilli lokali, li ninvolvi dejjem iżjed lill-kunsilli tagħna fi kwistjonijiet li jolqtu direttament lill-komunitajiet tagħna", sostna l-Ministru Herrera.​
 
pr211399a.jpeg 

pr211399b.jpg 

pr211399c.jpeg