Navigate Up
Sign In

Imħabbar l-ewwel proġett ta’ housing interġenerazzjonali

Reference Number: PR211354, Press Release Issue Date: Jul 16, 2021
 
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar l-ewwel proġett ta’ housing interġenerazzjonali f’pajjiżna. 

F’dan il-programm li twaqqaf permezz tal-iffirmar ta’ Memorandum of Understanding bejn l-Awtorità tad-Djar u l-Ordni tas-Sależjani, se jibda fi ftit ġimgħat u se jara anzjani u żgħażagħ bi sfidi soċjali u bżonn ta’ akkomodazzjoni alternattiva jgħixu fl-istess binja. 

Wara snin sħaħ fi stat dilapidat, il-binja li tinsab fi Triq il-Punent fil-Belt Valletta ġiet irrestawrata mill-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir biex issa tikkonsisti fi 23 appartament u spazji komuni mdaqqsin. 

L-anzjani se jimlew 80% tal-appartamenti fil-binja filwaqt li ż-żgħażagħ li se jiġu allokati l-bqija tal-appartamenti se jkunu dawk li juru l-akbar motivazzjoni biex jipparteċipaw u jikkontribwixxu fil-programm tal-komunità. 

Programm bħal dan, qal il-Ministru Roderick Galdes, ikompli jibni fuq id-direzzjoni li adotta l-gvern li l-housing ma jkunx ifisser biss l-għoti ta’ saqaf, imma jinkludi l-għodod kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-bżonnijiet soċjali tal-persuna. Filwaqt li jindirizza s-solitudni, pjaga ewlenija fost il-popolazzjoni anzjana li ddgħajjef is-saħħa mentali, dan il-programm jgħin biex tinbet komunità u jwitti t-triq taż-żgħażagħ għal ħajja indipendenti. 

Filwaqt li r-residenti kollha se jkollhom l-appartament privat tagħhom mgħammar bin-neċessitajiet kollha għal ħajja awtonoma, inkluża kċina, l-ispazji komuni se jgħinu biex tinbet komunità fost ir-residenti billi jservu ta’ spazju għal attivitajiet soċjali, użu tal-internet, workshops u librerija. 

F’dan il-programm, l-Awtorità tad-Djar qed tikkollabora mal-Ordni tas-Sależjani. Membri mill-ordni se jkunu qed isegwu liż-żgħażagħ fil-programm biex filwaqt li jikkontribwixxu fil-ħajja ta’ kuljum tal-komunità jindirizzaw l-isfidi tagħhom u jiksbu l-ħiliet neċessarji għal ħajja awtonoma u indipendenti. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay qal li huwa ta’ sodisfazzjon li minn proprjetà mitluqa u dilapidata l-Awtorità tad-Djar illum tista’ tkompli ssostni l-politika li tindirizza l-waiting list billi toffri alternattivi differenti. Is-Sur McKay speċifika li hu interessanti l-fatt li l-Awtorità tad-Djar qed tkompli tintroduċi l-kunċett ta’ social mix anke abbażi ta’ etajiet differenti. Semma wkoll li għall-ewwel darba ser ikollna l-kunċett ta’ kirjiet soċjali u dawk affordabbli fl-istess binja skont id-dħul tar-residenti hekk kif gwidat mill-politika ġdida ta’ allokazzjoni. Huwa kkonkluda li l-iskop aħħari jibqa’ li l-proġett jinkludi attivitajiet u ħidma interġenerazzjonali bejn ir-residenti fl-istess binja.

Il-Ministru Galdes fisser li din l-inizjattiva tifforma parti minn kullana ta’ miżuri innovattivi li bis-saħħa tagħhom l-Awtorità tad-Djar naqqset in-nies jistennew l-għajnuna bin-nofs. 

“Permezz ta’ dan il-proġett qed nilħq​u miri diversi. Il-lista ta’ stennija mhux biss ħa tibqa’ tonqos iżda dawn iż-żewġ gruppi ħa jkunu qed jgħinu wieħed lill-ieħor. Iġib nies minn żminijiet u sfond differenti u flimkien jibnu komunità li tifdi l-bżonnijiet ta’ xulxin,” ikkonkluda l-Ministru Roderick Galdes. 

pr211354a.jpg

pr211354b.jpg

pr211354c.jpg