Navigate Up
Sign In

Jitnieda care plan għal persuni fil-bżonn tal-akkomodazzjoni soċjali

Reference Number: PR211299, Press Release Issue Date: Jul 09, 2021
 
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, flimkien mad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà il-Professur Andrew Azzoppardi, nedew studju fuq it-twaqqif ta' care plan għal persuni li jiġu bżonn l-akkomodazzjoni soċjali.

Il-Ministru Roderick Galdes spjega li l-viżjoni hija li applikanti għall-akkomodazzjoni u benefiċjarji ta' akkomodazzjoni soċjali jiġu offruti pjan komprensiv li jagħti wens, attenzjoni u servizzi biex jiġu indirizzati l-isfidi ewlenin li jkunu wassluhom fil-bżonn.

Il-Ministru Galdes fisser kif diffikultà tal-akkomodazzjoni rarament titfaċċa waħidha, u li ħafna drabi tkun il-kulminazzjoni ta' sekwenza ta' sfidi differenti bħal vizzji, mard u separazzjonijiet.

“Flimkien ma' saqaf adegwat li huwa l-bżonn bażiku u kruċjali fl-istadju tal-persuna u l-familja li tkun waslet għand l-Awtorità tad-Djar, irridu li nagħtu l-għodod kollha possibbli biex dik il-persuna tissaħħaħ u tħares 'il quddiem. Dan l-istudju se jwassal għal qafas varjat imma speċjalizzat għall-isfidi diversi li jwasslu lill-familji fil-bżonn ta' dar", sostna l-Ministru Galdes.

L-istudju bl-isem ta' 'The next step in Housing Profiling' se jsir b'kollaborazzjoni mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u se jkun qed juża l-eżerċizzju ta' profiling li ġie ppubblikat din is-sena stess biex joħroġ b'numru ta' programmi ddisinjati biex jassistu lill-applikanti bi bżonnijiet differenti li japplikaw għall-akkomodazzjoni alternattiva. Dawn il-programmi se jkunu ta' għajnuna biex l-applikanti mhux biss jiġu mogħtija akkomodazzjoni alternattiva iżda biex ikun hemm titjib fil-kwalità ta' ħajja u livell ta' għajxien aħjar.

Min-naħa tiegħu, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà il-Professur Andrew Azzopardi saħaq li, “Il-housing huwa bżonn bażiku u essenzjali għall-bniedem, u bħala Fakultà għat-Tisħiħ tas-Socjetà huwa privileġġ li aħna pilastru biex dan l-aspett ta' politika soċjali nagħtu sehem fih - għax irridu bħala fakultà nikkontribwixxu biex il-komunitajiet tagħna jiġu mseddqa".

L-istudju dwar care plan qed jiġi ffinanzjat mill-Housing Development Fund li qed jiġi amministrat mill-Awtorità tad-Djar, u se jinvolvi għadd ta' esperti fl-edukazzjoni u x-xjenzi  soċjali. ​

pr211299b.jpg

pr211299a.jpg